Ċentri għal Persuni bid-Dimensja ta' matul il-Ġurnata/Lejl

Iċ-ċentri għal persuni bid-dimensja (ĊPD) jipprovdu kura matul il-ġurnata u anke matul il-lejl, f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Dawn iċ-ċentri huma ddisinjati speċifikament biex jaqdu l-bżonnijiet ta’ persuni li jgħixu bid-dimensja. Iċ-ċentri għal persuni bid-dimensja jipprovdu serħan, appoġġ u jtaffu l-piż tal-familjari, filwaqt li anke jipprovdu attivitajiet terapewtiċi lill-persuni bid-dimensja. Diversi studji wrew li dawk li jieħdu ħsieb il-qraba bid-dimensja, u jużaw dawn it-tip ta’ ċentri, jesperjenzaw livelli aktar baxxi ta’ stress relatat mal-kura u benesseri psikoloġiku, meta mqabbla ma’ minn ma jużax dan is-servizz.

X'SE TINGĦATA

Il-persuna li tapplika biex tagħmel użu miċ-ċentri tad-dimensja tiġi evalwata mill-infermiera tad-Dementia Intervention Team biex jaraw li l-applikant huwa eliġibbli għas-servizz. L-applikanti eliġibbli jkunu jistgħu jattendu, sa 3 darbiet fil-ġimgħa, f’ċentru tad-dimensja tal-għażla tagħhom. Il-jiem offruti huma soġġetti għad-disponibbiltà ta’ dak iż-żmien. Il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ dawn iċ-ċentri huma bejn is-07:30 u t-18:30 matul il-ġurnata u s-19:00-07:00 matul il-lejl. L-applikanti li jagħżlu li jattendu matul il-ġurnata ma jistgħux jattendu matul il-lejl u viċi versa. L-applikant u dawk li jieħdu ħsiebu mbagħad jiġu mistiedna għal żjara ta’ orjentazzjoni fiċ-ċentru u l-koordinatur taċ-ċentru jiġbor informazzjoni mingħand l-applikant u l-familja u jiġi maqbul pjan ta’ kura li imbagħad jintuża waqt li l-applikant ikun qed jattendi ċ-ċentru. Il-ġranet meta l-applikant ikun se jattendi jiġu miftiehma matul iż-żjara ta’ orjentazzjoni. Wara ż-żjara ta’ orjentazzjoni, l-applikant ikun jista’ jattendi ċ-ċentru fil-jiem u l-ħinijiet miftiehma.

ELIĠIBBILTÀ

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

  • Dijanjosi ta’ dimensja mit-tabib tal-pazjent jew minn konsulent ġerjatriku

DOKUMENTAZZJONI MEĦTIEĠA

Applikazzjoni mimlija inkluż ir-rapport mediku ffirmat mit-tabib tal-pazjent jew konsulent ġerjatriku

Jekk tixtieq tgħaddi xi suġġeriment jew tagħmel xi lment jekk jogħġbok agħfas hawn